
Paul Harvey kien qal hekk:
“Li kieku jien kont ix-xitan, li kieku kont il-Prinċep tad-Dlam kont inkun irrid li ngħarraq id-dinja fid-dlam.
Kont nakkwista terz tal-bini tagħha u erbgħa minn kull ħamsa tal-popolazzjoni tagħha, imma ma kontx inkun kuntent qabel ma kont nakkwista l-aktar tuffieħa misjura fis-siġra.
Għalhekk kont nibda nagħmel kulma hu neċessarju biex nirbaħ lill-Istati Uniti (tista’ tgħid “id-dinja” jew “Malta”minflok).
Kont nibda kampanja ta’ tfesfis.
Bl-għaqal ta’ serp, nibda nfesfislek l-istess kif fesfist lil Eva: ‘Agħmel li trid.’
Liż-żgħażagħ infesfsilhom ‘Il-Bibbja hija ħrafa.’ Kont nikkonvinċihom li kien ‘il-bniedem li ħalaq lil Alla’ u mhux bil-kontra. Kont nipperswadihom li ‘dak li hu ħażin hu tajjeb u li t-tajjeb hu barra minn żmienu.’
F’widnejn il-miżżewġin żgħażagħ kont infesfes li x-xogħol ibaxxik, li l-cocktail parties huma tajbin għalihom. Kont niftħilhom għajnejhom biex ma jkunux reliġjużi, jew patrijotti jew moralment tajbin iżżejjed.
U lix-xjuħ kont ngħallimhom jitolbu - jgħidu warajja – ‘Missierna li inti f’Washington’ (Ibdel Washington ma’ liema pajjiż joqgħod fil-każ tiegħek).
Imbagħad nibda norganizza.
Neduka l-awturi kif għandhom jagħmlu li l-letteratura vjolenti tkun eċċitanti tant li li kull ħaġa oħra tidher monotona u bla interess.
Kont nipperikola t-televiżjoni b’films aktar maħmuġin.
Kont ninfiltra lill-unions u nħeġġeġ aktar ħela ta’ ħin, anqas xogħol. Nies fil-għażż jgħoddu għalija.
Inbiegħ id-droga lil kull min nista’, inbiegħ l-alkoħol lil nisa u rġiel ta’ klassi, lill-kumplament nikkalmahom bil-pilloli.
Li kieku kont ix-xitan, kont ninkoraġixxi lill-iskejjel biex jipproduċu intelletwali mill-aqwa, imma jittraskuraw li jiddixiplinaw l-emozzjonijiet; dawk ħalluhom jimirħu.
Nagħżel atejist/a biex jidher minfloki fil-qrati u nipperswadi lill-predikaturi jgħidu: ‘Għandha raġun.’
Bil-ftaħir u wegħdiet ta’ setgħa nġiegħel lill-qrati jivvutaw kontra Alla u favur il-pornografija (tgħodd l-aktar, imma mhux biss, għal pajjiżi bħall-Istati Uniti u l-Kanada fejn il-qrati jimponu fuq il-gvern).
B’hekk nqaċċat ‘il barra lil Alla mill-qrati, imbagħad mill-iskejjel, imbagħad mill-Kungress (Parlament).
Imbagħad fil-knejjes tiegħu nibdel ir-reliġjon mal-psikoloġija u x-xjenza nagħmilha alla.
Li kieku kont Satana, kont nagħmel il-bajda bħala s-simbolu ta’ l-Għid... u l-flixkun bħala s-simbolu tal-Milied.
Li kieku kont ix-xitan kont nieħu mingħand min għandu u nagħtih lil min hu fil-bżonn sakemm neqred kull inċentiv. Imbagħad l-istat poliżjesk li nkun ħloqt, iġiegħel lil kulħadd imur lura għax-xogħol.
Imbagħad nifred il-familji, it-tfal jidħlu fis-servizz, in-nisa fil-minjieri tal-faħam u kull min joġġezzjona fil-kampijiet ta’ xogħol nfurzat.
Li kieku kont Satana, kont nibqa’ nagħmel dak li qiegħed nagħmel u, żgur daqs kemm hu żgur ix-xitan, id-dinja kollha tispiċċa fl-infern.